Dalgħodu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino żar l-aħħar fażi tax-xogħolijiet fuq il-faċċatti tal-ġnub u ta’ wara tal-Kon Katidral ta’ San Gwann fil-Belt, liema xogħlijiet qegħdin isiru mit-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali.

Il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, ikkummissjonat fl-1572 mill-Granmastru Jean de la Cassière bħala l-knisja konventwali ta’ l-Ordni tal-Kavallieri Ospidalieri ta’ San Ġwann, u ddisinjat mill-magħruf arkitett militari Malti Ġilormu Cassar, jispikka bħala monument uniku ta’ importanza internazzjonali. Il-knisja hija ddedikata lil San Ġwann Battista, il-qaddis patrun ta’ l-Ordni.
Wara li ddefendew il-ġżira żgħira ta’ Malta kontra l-Ottomani fl-Assedju l-Kbir ta’ l-1565, il-Kavallieri għamlu minn Malta fortizza li kienet tixraq lil Ordni militari u bnew belt kapitali ġdida denja ta’ nies nobbli. Il-Knisja tagħhom fiċ-ċentru tal-belt il-ġdida ‘Valletta’ kienet għalihom l-aktar binja importanti. Il-bini tlesta nhar San Ġwann fl-1577.
Għalhekk ma nistgħux ma nibżgħux għal dan il-wirt kbir li ħallewlna l-Kavallieri. Permezz ta’ dan ir-restawr estensiv ergajna qegħdin nagħtu l-ħajja lil dawn il-faċċati li jżejnu wkoll it-toroq tal-Belt Kapitali sostna l-Ministru Pullicino filwaqt li semma kif il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jinsab għaddej b’xejn anqas minn 9 proġetti maġġuri ta’ restawr fil-Belt Kapitali li jinkludu; l-faċċati tal-Kon Katidral, Il-Palazz tal-President, il-Biblioteka., il-Berġa ta’ Kastilja, Maison Demandols, il-Knisja ta’ Liesse, is-Swar ta’ Barriera Wharf, is-swar ta’ taħt il-monument tal-Qanpiena, u se jinbdew ix-xogħlijiet fuq is-Swar ta’ max-Xatt ta’ Marsamxett. Dan kollu qed isir apparti x-xogħol ta’ tisbieħ ieħor bħalma hu l-proġett ta’ Pjazza San Ġorġ.